Kodiċi ta’ Mġiba Tajba u Dixxiplina
fl-Iskola Primarja ta’ Bormla
Studenti u Ġenituri
Introduzzjoni
Dan il-Kodiċi ta’ Mġiba tajba ġie fformolat biex jindirizza għan importanti – dak li jgħin lill-iskola twettaq il-miri tagħha billi toffri ambjent pożittiv sabiex l-esperjenza edukattiva tal-istudenti fi ħdanha tkun waħda ħolistika u kompluta. Dawk kollha li huma involuti fl-edukazzjoni ta’ dawn l-istudenti huma mħeġġa jsegwu r-regoli ta’ dan il-kodiċi biex jintlaħaq dan il-għan.
L-imġiba mistennija mill-ġenituri
Jekk irridu nsaħħu l-imġiba tal-istudenti, iridu jkunu l-ġenituri l-ewwel u l-aqwa għalliema, mhux biss bil-kliem iżda aktar bl-eżempju. Huwa fl-interess tal-iskola u tal-istudenti li tissaħħaħ ir-rabta mal-ġenituri iżda biex dan ikun jista’ jsir, kulħadd għandu jimpenja ruħu biex il-miri jintlaħqu u tinħoloq rabta soda.
- Kull formola li titlob informazzjoni kemm fuq il-ġenituri kif ukoll fuq it-tfal għandha tiġi irritornata fi żmien ġimgħa. Dawn jinkludu formoli li għandhom x’jaqsmu ma’ dettalji personali (indirizzi, numri tat-telefown, data tat-twelid, informazzjoni dwar saħħa eċċ..), kif ukoll formoli ta’ kunsens biex it-tfal jirċievu servizzi mingħand dentist, ners, eċċ għall-ġid tal-ulied stess. Jekk dawn il-formoli ma jaslux, l-istudenti ma jkunux jistgħu jibbenefikaw minn dawn is-servizzi.
- F’każ ta’ inċidenti l-ġenituri għandhom jiġu l-iskola immedjatament għax it-tfal ma jistgħux jingħataw kura fil-poliklinika jew sptar qabel ma jaslu l-ġenituri. F’każ li ħadd ma jiġi għat-tfal immedjatament l-iskola jkollha tikkuntatja lill-pulizija u lill-entitajiet ikkonċernati dwar il-ħarsien tat-tfal.
- F’każ ta’ ġenituri separati, iridu jagħtu lill-iskola dokument mill-qorti ta’ min għandu l-kustodja. F’każ li dan ma jsirx għandhom jingħataw fotokopji tal-I.D. card ta’ massimu ta’ 3 persuni li jistgħu jiġu għat-tfal x’ħin tispiċċa l-iskola. It-tfal ma jistgħux jintbagħtu d-dar jekk waħda minn dawn il-persuni ma tkunx ġiet għalihom. Għal dawk it-tfal li jmorru d-dar waħedhom għandu jkun ippreżentat dokument iffirmat mill-ġenituri fil-bidu tas-sena biex jingħata l-kunsens.
- Il-ġenituri jistgħu jidħlu l-iskola biex ikellmu lill-Kap jew lill-Assistenti Kapijiet (SMT) mhux qabel id-disgħa ta’ filgħodu. Qabel dan il-ħin il-membri tal-SMT għandhom dritt jirrifjutaw li jkellmu lill-ġenituri. Il-ġenituri għandhom ikunu libsin diċenti u xieraq bħala turija ta’ stima lejhom infushom u lejn l-iskola. Il-membri tal-SMT għandhom dritt jirrifjutaw li l-ġenituri jidħlu fl-iskola jekk ma jkunux libsin xieraq.
- Jekk il-ġenituri għandhom bżonn ikellmu lill-Kap tal-Iskola għal tul ta’ ħin, għandu jiġi mitlub appuntament. Jekk xi ġenitur għandu bżonn ikellem lill-għalliema, dan għandu jsir dejjem fil-preżenza tal-SMT u mhux barra mill-bini tal-iskola. L-għalliema għandhom dritt jirrifjutaw li jkellmu lill-ġenituri barra mill-iskola. Ġenituri ma jistgħux jidħlu jkellmu l-għalliema fil-klassi mingħajr permess, speċjalment filgħodu.
- Il-ġenituri għandhom dejjem juru rispett lejn kull membru tal-istaff. Għall-ebda raġuni l-ġenituri m’għandhom jidħlu l-iskola b’għajjat, ġlied jew kliem baxx. Dawn l-azzjonijiet m’humiex ittollerati fl-iskola. F’każ ta’ ġenituri li jonqsu mir-rispett lejn xi membru tal-istaff, il-Kap tal-Iskola għandha dritt titlob l-għajnuna tal- pulizija.
- L-iskola mhijiex responsabbli għal dawk it-tfal li ma jkunux daħlu l-iskola.
- L-attendenza minn ħames snin ‘il fuq hija obbligatorja, għalhekk ħadd ma jista’ jfalli l-iskola għalxejn. Jekk dan isir, jittieħdu l-passi li hemm bżonn skont il-liġi.
- L-iskola tibda fit-8.30am meta nkunu bil-ġranet u fit-8.15am meta nkunu fin-nofstanhari. Tfal li jiġu l-iskola iżjed min-nofs siegħa tard se jiġu mmarkati bħala assenti mill-iskola għax ir-rassenja tkun diġa’ saret u ntbagħtet . Il-ġenituri għandhom juru responsabbilta’ billi jibagħtu lil uliedhom fil-ħin u jiġu għalihom fil-ħin. F’każ li t-tfal jitħallew l-iskola għal tul ta’ ħin wara s-2.30pm, l-SMT ma jibqagħlhom l-ebda għażla ħlief li jitolbu l-intervent tal-pulizija.
- F’każ ta’ mard, il-ġenituri għandhom ikunu responsabbli li ma jibagħtux lit-tfal l-iskola. Il-ġenituri għandhom iċemplu l-iskola kmieni kemm jista’ jkun biex javżaw l-iskola dwar dan. L-iskola obbligata li tibgħat lit-tfal lura d-dar jekk ikun hemm suspett li t-tfal ikunu morda. It-tfal iridu jippreżentaw ċertifikat mediku kif jiġu lura, flimkien mal-kartuna medika iffirmata u ttimbrata mit-tabib. F’każ ta’ mard fit-tul, iċ-ċertifikat irid jingħata lill-iskola kull ġimgħa li t-tifel/tifla ħa jkunu neqsin mill-iskola. F’każ ta’ mard li jittieħed intom mitluba li ġġibu konferma mingħand it-tabib li t-tifel/tifla huwa/hija mfejjaq/mfejqa.
Dan għandu jinkludi:
- Data
- Jiem meta l-istudent kien ma jiflaħx
- Isem, kunjom u indirizz tal-istudent
- Firma u timbru tat-tabib
L-iskola mhux se taċċetta homeworks ta’ tfal li jkunu morda. Il-homework u l-classwork li jintilef meta t-tifel/tifla jkun marid/a jiġi spjegat u mogħti mill-għalliema, meta dawn jirritornaw l-iskola.
- Huwa importanti li ċ-ċertifikat jinġieb l-iskola malajr kemm jista’ jkun. Mhux aċċettat ċertifikat back-dated jew bi ġranet maqbużin. Ċertifikat ta’ ċertu mard bħal ansjeta’, dipressjoni u “school phobia” jiġu aċċettati biss jekk ikunu iffirmati minn speċjalista.
- Il-ġenituri għandhom iġibu lura l-iskola kull oġġett li uliedhom jieħdu magħhom id-dar u li jkunu propjeta’ tal-iskola. Jekk l-oġġetti ma jiġux, dawn għandhom jitħallsu. Jekk ma jitħallsux is-sena ta’ wara l-istudent ma jingħatax riżorsi.
- Il-ġenituri għandhom jattendu u jinvolvu ruħhom f’okkażjonijiet u attivitajiet organizzati mill-iskola. Il-ġenituri huma mitluba wkoll jattendu korsijiet, taħdidiet u laqgħat organizzati mill-iskola kif ukoll jieħdu sehem fl-elezzjonijiet tal-kunsill skolastiku.
- Għall-ebda raġuni l-ġenituri m’għandhom jikkritikaw għalliema jew xi persuna oħra li taħdem fl-iskola quddiem l-istudenti nfushom. Dan itellef kull sens ta’ dixxiplina. Wisq inqas għandhom jinkitbu kummenti dispreġġativi dwar l-iskola fuq facebook u midja oħra. F’każi bħal dawn, l-iskola hija obbligata tieħu passi bil-liġi.
- Il-ġenituri għandhom jipprovdu ikel frisk u tajjeb għas-saħħa. Jekk dan ma jingħatax repettitivament, il-Kap tal-Iskola għandha dritt tieħu azzjoni skont il-bżonn.
- Il-ħarġiet u ż-żjarat edukattivi huma parti mill-ġranet tat-tagħlim u għalhekk it-tfal kollha huma mistennija jattendu sakemm ma jingħatax raġuni valida lill-Kap tal-Iskola mill-ġenituri jew minn min jieħu ħsiebhom. Kemm jista’ jkun l-iskola qiegħda tipprova żżomm il-prezz ta’ dawn il-ħarġiet baxx.
- Il-ġenituri m’ għandhomx jibagħtu lil uliedhom l-iskola b’ħafna flus jew oġġetti ta’ valur, mowbajls u kull tip ta’ apparat elettroniku li jista’ jtellef mill-attenzjoni tal-istudent. F’każ li dawn l-oġġetti jiġu l-iskola u l-amministrazzjoni tal-iskola ma tindunax, l-iskola xorta waħda mhijiex responsabbli fil-każ li dawn l-oġġetti jiġu misruqa jew imkissra.
- L-uniformi ħa tibda tingħata ħafna importanza, għalhekk l-iskola ħa teżiġi li t-tfal jintbagħtu b’uniformi kompluta u nadifa. Għandkom timxu mal-istruzzjonijiet mogħtija mill-għalliema dwar meta jiġu bl-uniformi jew bil- P.E. kit. Jekk le, tistgħu tintalbu tiġu għat-tfal u tlibbsuhom l-uniformi jew P.E. kit kif suppost. Jista’ jkun ukoll li t-tfal ma jagħmlux P.E. jekk ma jkunux libsin kif meħtieġ.
- Importanti ħafna wkoll li intom tiċċekjaw xagħar it-tfal regolarment u taraw li din dejjem tkun nadifa. Jekk dan ma jsirx l-iskola hija obbligata li tirraporta dawn il-każijiet lill-awtoritajiet ikkonċernati. L-iskola għandha d-dmir u obbligu illi tistieden il-professjonisti inkarigati milli jiċċekjaw xagħar it-tfal, sabiex jattendu u jiċċekjaw lit-tfal b’mod regolari. Jekk it-tfal jinstabu mhux nodfa, l-iskola għandha d-dmir u l-obbligu li ma taċċettax lil dawn it-tfal lura l-iskola, jekk mhux iċċertifikati nodfa mill-professjonisti kkonċernati u mhux mit-tabib tal-familja.
- Importanti wkoll illi inviti tal-parties jiġu mqassma barra mill-iskola u mhux fil-klassi.
Imġiba mistennija mill-Istudenti
L-iskola għandha tgħin lill-istudenti jaċċettaw ir-responsabbilta’ tal-imġiba tagħhom; għalhekk fil-bidu tas-sena skolastika, l-istudenti, bl-għajnuna tal-għalliema, għandhom joħolqu sett ta’ regolamenti bħala gwida u konsegwenzi għall-imġiba tagħhom.
Matul il-lezzjonijiet, fil-brejk, waqt il-ħarġiet jew f’attivitajiet oħra, l-istudenti huma mistennija li:
- Jaslu l-iskola fil-ħin
- Jiġu l-iskola libsin l-uniformi sħiħa, nadifa u li tkun tiġihom sew. Meta jkollhom attivitajiet sportivi huma għandhom jilbsu l-PE Kit.
- Ix-xagħar għandu jkun nadif u jekk ikun twil għandu jinżamm miġbur. Il-bniet jistgħu jilbsu par imsielet żgħar, ta’ kulur blu, iswed, deheb jew fidda, aħjar jekk ikunu buttun. Imsielet fuq partijiet oħra tal-ġisem mhumiex aċċattati. Mhuwiex permess li s-subien jilbsu msielet għall-iskola. Xagħar is-subien irid ikun stil pulit, addattat għal mal-uniformi.
- Juru rispett lejn l-għalliema u lejn min qed imexxi l-iskola billi jisimgħu minnhom, jobdu, ma jgħollux leħinhom u ma jirrispondux.
- Jifhmu li qatt m’għandhom jużaw kliem vulgari, laqmijiet, vjolenza verbali u fiżika, mossi u aġir li jmur kontra d-dinjita’ tal-istudent. Bullying m’huwiex tollerat fl-ebda forma tiegħu.
- Jekk iridu juru fehma differenti, dan jistgħu jagħmluh billi jkellmu lill-għalliem/a b’leħen meqjus u bla għajjat u x’ħin jingħataw permess.
- Jagħmlu x-xogħol kollu li jingħatalhom kemm fil-klassi kif ukoll għad-dar.
- Juru rispett lejn sħabhom billi:
- Ma jtellfux waqt l-ispjega tal-klassi;
- Jaħdmu bil-kwiet u jħallu lil sħabhom jaħdmu;
- Jgħollu jdejhom jekk għandhom bżonn imorru ħdejn l-għalliem għal xi diffikulta’ u jmorru biss meta jiġu msejħa;
- Ma jmissux u ma jiħdux affarijiet ta’ ħaddieħor bla permess;
- Bl-ebda mod ma jġibu ruħhom ta’ bulijiet billi jheddu bil-kliem, b’daqqiet jew anke bil-ħars b’mod li jġiegħlu lil ħaddieħor jagħmel dak li jridu huma.
Juru mpenn fl-iskola billi jaħdmu skont il-kapaċitajiet tagħhom.
Juru mħabba lejn tfal oħra billi jgħinu meta jkun meħtieġ, juru sens ta’ mogħdrija u ħniena kif ukoll sens ta’ maħfra.
Iridu jkunu kapaċi jilagħbu ma’ sħabhom mingħajr ma jiġġieldu kull meta ma jaqblux ma’ ħaddieħor.
Ma jġibux oġġetti ta’ valur, flus żejda, mowbajls jew apparat elettroniku ieħor magħhom. Dawn jiġu kkonfiskati mill-ewwel u jingħataw lura meta tiddeċiedi l-amministrazzjoni tal-iskola.
Għall-ebda raġuni m’għandu jsir bejgħ u tpartit t’ oġġetti bejn l-istudenti waqt il-ħin tal-iskola.
Ma jġibux strumenti li jaqtgħu jew bil-ponta. Dawn jiġu kkonfiskati mill-ewwel.
Ma jġibux ħelu, pakketti ta’ snacks, chewing gum, jew bottijiet tal-luminata, u l-bqija.
Ma jġibux magħhom materjal pornografiku. Dan hu projbit bil-liġi. Il-materjal jiġi kkonfiskat minnufih u tissejjaħ il-pulizija.
Iridu juru rispett mhux biss lejn in-nies iżda ukoll lejn il-propjeta’ tal-iskola, fosthom l-għamara, it-toilets, il-ħġieġ, il-kotba u kull apparat ieħor tal-iskola. Min jagħmel xi vandaliżmu fl-iskola jew fuq materjal edukattiv irid iħallas għalih.
Linji gwida dwar sanzjonijiet li jistgħu jittieħdu skont il-ħtieġa:
Għal min juri nuqqas ta’ rispett lejn l-istaff u lejn sħabu:
- Kull nuqqas ta’ rispett għandu jiġi nvestigat u diskuss mal-istudent/a;
- Skont is-serjeta’ tal-każ jistgħu jiġu nfurmati l-ġenituri b’mod verbali jew bil-kitba;
- Jinżamm rapport bil-miktub mill-iskola.
Fil-każ li din l-imġiba mhijiex aċċettabli tirrepeti ruħha, l-istudenti jistgħu jingħataw minn dawn is-sanzjonijiet:
- Parti mill-ħin tal-brejk ġewwa;
- Jinżammu wara l-ħin tal-iskola;
- Sospenzjoni temporanja mill-iskola wara li ssir konsultazzjoni mill-awtoratijiet konċernati;
- Jistgħu jiġu riferuti lill-Bord ta’Mġiba Tajba u Dixxiplina tal-Kulleġġ u/jew lill-Bord Nazzjonali tad-Dixxiplina;
- Imġiba gravi fil-Primarja tista’ titniżżel fir-rekords tal-iskola.
Fil-każ ta’ ħsara fil-propjeta’ u materjal edukattiv:
Kull ħsara tiġi nvestiagta;
- F’każ li jinstab li din saret intenzjonalment l-istudenti jridu jagħmlu tajjeb għal dik il-ħsara li jkunu għamlu;
- Il-ġenituri ta’ dawn l-istudenti jridu jħallsu għall-oġġett imkisser jew meqrud.
Fil-każ ta’serq:
- Jekk xi studenti jindunaw li tkun naqsitilhom xi ħaġa, għandhom jinfurmaw immedjatament lill-għalliem/a qabel ma tispiċċa l-ġurnata tal-iskola u prefibilment malli jindunaw;
- L-għalliem/a j/tavża lill-Kap tal-Iskola jew lill-Assistenti. Dawn imorru fil-klassi biex flimkien mal-għalliem/a jitolbu lill-istudenti kollha jiżvujtjaw il-basktijiet biex issir tfittxija;
- Studenti li jinqabdu jieħdu affarijiet ta’ ħaddieħor jiġu riferuti lill-Bord ta’ Mġiba Tajba u Dixxiplina tal-Kulleġġ u/jew lill-Bord Nazzjonali tad-Dixxiplina għal miżuri meħtieġa jekk l-iskola ma ssibx soluzzjoni raġonevoli;
- Jekk ikun każ ripetut jista’ jsir ukoll rapport lill-pulizija.
Għal min ma jagħmilx il-HW
- L-għalliema jaraw għaliex l-istudenti jkunu naqsu li jagħmlu x-xogħol u tiġi nfurmata l-amministrazzjoni tal-iskola;
- Tintbagħat nota d-dar jew issir telefonata;
- Jekk student/a ma j/tagħmilx il-HW regolarment jew m’hemmx raġuni valida j/tingħata karta safra mill-għalliema li trid tiġi ffirmata mill-ġenituri/kustodja u rritornata l-iskola;
- Xogħol li ma jsirx irid isir waqt il-brejk;
- Jekk l-istudent xorta jibqa’ jiġi bla HW jista’ jinżamm wara l-ħin tal-iskola;
- Il-ġenituri jintalbu jiġu l-iskola biex jiddiskutu l-problema.
- Jekk il-homework ma jsirx repetitivament, jaf l-istudent jiġi mċaħħad li jipparteċipa f’attivitajiet ma’ sħabu, sakemm l-iskola taċċerta li x-xogħol nieqes ikun sar u l-istudent jifhem illi ma jistax jonqos minn xogħlu.
Għal min jasal tard l-iskola
- L-iskola tieħu nota ta’ dawk l-istudenti li jaslu tard.
- Tingħata twissija verbali.
- Jiġu infurmati l-ġenituri.
- L-istudenti jistgħu jitilfu mill-ħin tal-brejk skont kemm ikun intilef ħin filgħodu.
- Jekk jibqgħu jiġu tard ripetutament jiġu infurmati s-social workers.
- Tfal li jaslu tard iridu jieqfu quddiem l-uffiċju tal-Kap tal-Iskola biex jagħtu r-raġuni ta’ dan id-dewmien.
- Dewmien regolari jitqies bħala assentejiżmu.
Meta l-istudenti ma jkunux libsin l-uniformi sħiħa
Tingħata twissija verbali.
- Tintbaghat nota lill-ġenituri.
- L-istudenti jistgħu jitilfu ħin mill-brejk jew xi benefiċċji li jgawdu minnhom fil-ħin tal-iskola, bħal jitilfu xi ħarġa jew attivita’.
- Jistgħu jintbagħtu d-dar biex ibiddlu billi jiġu għalihom il-ġenituri u jkunu meqjusa assenti jekk ma jiġux lura.
Meta l-apparenza tal-istudenti ma taqbilx ma’ dik mistennija mill-iskola:
- Jingħataw ċans biex jerġgħu jirranġaw l-apparenza tagħhom;
- Jistgħu jitilfu ħin mill-brejk jew jinżammu wara l-ħin tal-iskola;
- F’każijiet serji jistgħu jintbagħtu d-dar wara li jiġu msejħa l-ġenituri u jitqiesu li jkunu assenti sakemm jirranġaw
- Imsielet, ġiżirajjen; u brazzuletti jistgħu jittieħdu u jinżammu għal żmien skont id-diskrezzjoni tal-amministrazzjoni tal-iskola.
F’każ ta’ Bullying
- Twissija mill-għalliema kkonċernata u mill-Kap tal-Iskola;
- Issir evalwazzjoni tal-każ u jiġu infurmati l-ġenituri;
- Jiġu msejħa professjonijiet mis-servizz tal-Anti-Bullying u jsiru laqgħat mat-tfal ikkonċernati u l-klassi tagħhom, skont is-serjeta’ tal-każ;
- L-istudenti jistgħu jingħataw gradi ta’ konsegwenzi jekk jippersistu f’din it-tip ta’ mġiba.
Indafa Personali
- Importanti li l-istudenti jinħaslu sew bis-sapun u jbiddlu l-ħwejjeġ ta’ taħt kuljum;
- Mhux aċċettabli li l-istudenti jagħmlu l-fwieħa għall-iskola;
- L-istudenti għandhom jaħslu wiċċhom u snienhom qabel jiġu l-iskola;
- L-uniformi għandha tiġi maħsula spiss kemm jista’ jkun, għalhekk it-tfal għandhom jintbagħtu l-iskola b’uniformi pulita u nadifa;
- Iż-żarbun tal-iskola għandu jkun nadif, f’kundizzjoni tajba u milbus fuq kalzetti nodfa;
- Xagħar it-tfal għandha wkoll tinżamm nadifa. Xagħar twil għandu jinżamm miġbur;
- Tfal li tinstabilhom xagħarhom maħmuġa jintbagħtu d-dar u jiġu lura l-iskola biss wara li l-ġenituri/kustodji jipprovdu ċertifikat mingħand il-professjonisti ingaġġati mid-dipartiment, li jikkonferma li xagħar l-istudent huwa nadif.
Rikonoxximent ta’ ħidma tajba mill-istudenti
Kull skola għandha tagħmel mezz biex tkun ta’ appoġġ u inkoraġġiment għat-tfal u tixtieq li tara l-istess atteġġament mill-ġenituri. Għalhekk għandha tinħoloq sistema li tinkoraġġixxi mhux biss is-suċċess ta’ min jimxi ‘l quddiem iżda wkoll, u fuq kollox, kull sforz ta’ min qed jipprova jagħmel progress, żgħir kemm bu żgħir. Dan jista’ jsir b’diversi modi:
- L-użu ta’ assembly biex imġiba tajba ta’ student tissemma u tkun imfaħħrha;
- Kliem ta’ kuraġġ u tifħir minn għalliema lil studenti individwali;
- Xogħol tal-istudenti għall-wiri fuq boards;
- Rapporti pożittivi lill-ġenituri;
- Għoti regolari ta’ ċertifikat ta’ mertu;
- F’Jum il-Premjazzjoni għandhom ikunu ppremjati wkoll l-isforzi pożittivi fis-suġġetti jew f’talenti oħra.